Thursday, February 02, 2006

Fort Campbell

Fl-aħħar, ġurnata xemxija.

Ikun beħsiebek tikteb fuq il-passiġġata ta' siegħa li għamilt sa ma ntlift fil-kwiet u s-saħar ta' Selmun waqt li ttektek fuq il-mowbajl għal nofs it-triq, imma mbagħad tasal id-dar u taqa' d-dalma, terġa'. U bħal donnu jmurlek l-aptit.

Għax l-arja pura ma tistax taħseb fiha qalb id-dħaħen u l-istorbju tal-ħornijiet tal-karozzi, u wara nofsinhar dell ikun hawn hawn, mhux ix-xemx tisreġ. Anka s-sħana fuq wiċċek li reġgħet tagħtek saħħtek għal ftit; tibred, tiksaħ, tmut, tintesa.

Bil-kemm ma titħajjarx taqbdek uġigħ ta' ras tant kemm kienet taħraq ix-xemx imma, f'dik is-siegħa jew kemm. Għax hekk jiġri: avolja jkun ilha li ħallietek is-sħana, l-uġigħ xorta hemm jibqa'.

Tiftakar li f'dak l-istess post, sitt snin ilu mal-bidu ta' millenju li kellu jġib id-dinja għall-aħjar, kont hemm tiċċassa lejn ix-xemx imdennsa titqanżaħ minn bejn is-sħab biex tirkeb it-torri tal-Portmaso fl-orizzont, fis-sitta ta' fil-għodu. Terġa' tara quddiem għajnejk iċ-ċpar, is-sema griż ċass u x-xemx ħamra fl-oranġjo fjakka ta' dakinhar.

Tiftakar li, fil-fatt, la lid-dinja u lanqas lilek ma ġablek xejn daqshekk speċjali l-millenju. Dik ix-xemx fjakka ta' dakinhar 'qas biss kellha biżżejjed saħħa biex imqar ittebba' l-madwar b'lewnha, aħseb u ara kemm se ddawwal kull wied fond u mudlam.

Imma talanqas, dik ix-xemx fjakka ma kinetx tweġġa' r-ras. Għallinqas.

U għandek tgħid, it-tifrik tal-fortizza li fi żmienha - żmien twil ilu - kienet tgħasses id-daħla tal-Mistra, kollu hemm baqa' wkoll. Għadha ssaħħrek il-fortizza. Forsi għax illum tifhem minn xiex għaddiet. Minjaf kemm-il quddiesa sewda rat ma' wiċċha fil-qamar kwinta; minjaf kemm-il koppja laqgħet fi ħdanha waqt li xaqq l-għaraq għaż-żewġ namrati fil-bqija ta' l-iljieli minsija mill-qamar. Imma l-fortizza hemm baqgħet. Imfarrka, żdingata, kollha taħżiż, biċċiet tal-ħġieġ imkisser kull fejn tara. Imma hemm baqgħet. U xorta għadek temmen li mhix mibnija mill-ġebel, imma mill-mirja. Kif tista' tara lilek innifsek daqshekk tajjeb fil-ġebel kieku?

B.Pharm II 3/6/93

Angela 28-12-03

KEITH 92/3
ClAIRE
Alicia

SS

Xkupa Party <<<<

No comments: