Saturday, April 04, 2009

3

Kull meta jarani hemm isfel kien itini nofs lira. Għadni niftakru, b’xuxtu bajda qotna u x-xorts blu, imtella’ sa fuq żaqqu. “Ħa, mur ixtri ġelat, sabiħ,” kien jgħidli b’dak il-leħen maħnuq qabel inbaram ħesrem għaxar snin ilu. Ma nafx kif ġieni f’rasi llejla, jien u nfittex il-kliem li bħal donnu miet ukoll bil-qilla ta’ dal-mewġ faċċata, kmieni f’Marzu.

Xi kultant ninħasdu għax ir-riħ qisu ħa jaqlibna bil-karozza b’kollox. Imbagħad nidħku, imma erġajt ma nafx x’ħa ngħid issa u donnok fhimtni għax malajr nimlew is-silenzju li lsienna m’għarafx imewwet qabel. U llejla — ġimagħtejn wara dik l-ewwel bewsa misruqa fuq il-front ta’ Tas-Sliema — illejla ħaddantek miegħi għall-ewwel darba. U għat-tieni u għat-tielet. Imma int ma nafx kemm tajt kas u nista’ nobsor x’ħassejt. Probabli l-vojt li m’għandekx bżonn timla’.

Nofs siegħa ilu rajtek miexja lejn il-karozza fir-raxx. Kull ġimgħa tisbieħ int donnok, hux? Jew jien nagħma tikk’oħra, ma nafx. Imma tbissimt, jien u naħseb kif xi darba forsi se jkolli nsib tarf infhiemek li ilni ma nkun hekk is-snin.

Ħin minnhom terġa’ żżid fil-qilla x-xita u reġa’ tani li nidħak, imma issa kont mitluqa fuqi, mejta bingħas, u ma ridtx naħsdek. Mehdi bit-tmellis ta’ subgħak jofroqli xagħri, xtaqt li kieku nista’ narak hekk kuljum. Biex nerġa’ nisma’ x’għamilt dil-ġimgħa; x’beħsiebek tagħmel id-dieħla. Biex naħtaf il-ħarsa mistħija tiegħek x’ħin jiltaqgħu għajnejna kull meta nieqfu għan-nifs. U biex forsi xi darba ngħidlek. Imma għadu kmieni wisq u naħseb naħsdek.

Fis-2.15am nibda nsuqek lejn id-dar, nitbiegħdu mill-mewġ tal-Armier u nerġgħu naqbdu t-triq tal-ħofor. Il-ħofor tul ta’ ġimgħa mimlija bil-baħħ u t-thewdin jekk qattx se ttini ċans ngħidhielek, xi darba qabel tilħaq tixba’.

No comments: