Saturday, January 14, 2006

Sahara

Tiftakar, F.? Xi darba konna ħbieb, ħbieb kbar.

Konna nċemplu, konna nidħku, konna nitkellmu, konna nagħmlu l-praspar, konna niġġieldu biex noħorġu minn xi basla li nkunu dħalna fiha. Konna ngħaddu prattikament żmien l-iskola l-ħin kollu flimkien. Jien, int u A. Kienu żminijiet mill-isbaħ dawk.

Umbagħad, jekk tiftakar sew, tliet snin ilu jien kont ma' M. u int kont ma' E. Ġara li ġara m'M. Niftakar it-ton ta' leħnek fuq it-telefon -- issabbar, titkellem u tipprova tirranġa. U kien irnexxielek, għal ftit żmien, sa ma reġgħet bdiet ix-xita u d-dulluvji, u l-għargħar kaxkar miegħu l-ħamrija u l-ftit ħxejjex li kien hemm. Kemm il-ħżiena u kemm it-tajba.

Konna bqajna nitkellmu imma, matul dak il-perjodu kiefer ta' jasar akkademiku fi tmiem il-ħames sena li kont nafek. Il-perjodu li kont dħalt għalih bl-apatija t'issa, jekk mhux agħar. Ħbieb, ħbieb kbar konna.

Ġara li mbagħad iċ-ċirkostanzi riedu li nibdel il-klikka. Jew aħjar, naqta' l-kuntatt għax fl-aħħar sibt lil xi ħadd li kien qed jgħini nqum mit-tisbita ta' M. u rebaħni. U kont kuntent. Umbagħad gerbu s-snin, u jien erġajt tlift il-logħba. Jew aħjar, inħsadt meta reġgħet qabdet ix-xita u erġajt tkaxkart. Did-darba tkaxkru wkoll is-siġar il-kbar, il-ħlejqiet u l-foresti li laħqu nibtu fejn xi darba kien hemm il-ħarruba u l-ħamrija niexfa qoxqox.

Xtaqt issir avukat, niftakrek; minn dejjem niftakrek li kont konvint li tistudja l-liġi. Illum kważi kważi nista' ngħid li ma nafx x'sar minnek. 'Qas int stess ma taf, naħseb. Anzi mhux naħseb, imma ċert.

Ma rrid ngħidlek xejn speċjali, imma xi kultant inħares b'ċertu nostalġija kiefra lura lejn dak iż-żmien taż-żufjett tiegħek, tiegħi u t'A., il-kliem ta' faraġ u l-preżenza. Kemm jgħaddi ż-żmien hux? Anka n-nies bħalek qabel inbdilt jitilqu maż-żmien, tafx. Għandhom ħabta jiġu żminijiet fejn fid-deżert imneżża' li jkun fadal wara l-maltemp ma tibqax ruħ imġiddma, u l-ħsejjes ta' l-irwiefen ivenvnu u jkaxkru r-ramel u ż-żrar jieħdu forom tal-waħx, b'mod speċjali matul il-lejl.

No comments: