Xi kultant xtaqt li ma nerġax immur qalb l-għelieqi ħielsa u puri għax il-ġebel beda jinbidel u r-riħa t'umdita' ħafifa nbidlet ukoll. Anka l-kmamar qalbu, u għalkemm kien dalam sew, anka l-koppla li tellgħu rajt.
Ridt li jkun hemm kulħadd.
Imma fl-istess ħin ma xtaqthomx kollha. Nippreferi niftakarhom fil-passat milli nara surithom fil-preżent u wisq inqas fil-futur, għax dan l-aħħar il-waħx qed nipprova niskansah meta nkun nista'. Aħjar hekk. Għax il-jien marridux jerġa' joqgħod iqabbel il-paġni fid-djarji mad-dati fuq il-kalendarju. Hekk forsi xi darba jikkonvinċi lilu nnifsu sabiex jgħix fil-lum u jinsa l-bieraħ. Dak qatt ma jista jerġa' jkun. Jekk ma jogħġbux, jaf x'għandu jagħmel. M'hemmx bogħod, fuq kollox.
* * *
Ironika kif mal-tluq kont iltqajt mad-dawl u maż-żjara tal-lum, qed tinħaraq il-bozza. Ilha tinħaraq bil-mod il-mod, ngħiduha kif inhi. Imma issa donnha waslet fi tmiemha, bħal ħafna affarijiet oħra.Meta se nerġgħu niltaqgħu, ħuti?
No comments:
Post a Comment